CorporateCruise & FerryLandside

Il-moviment ta' passigieri ta' l-industrija tal-cruising fl-ewwel kwart tas-sena 2017 aktar milli jirdoppja DO NOT DELETE

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Valletta Waterfront, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis elenka ċifri maħruġa dalgħodu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena fejn ġew irreġistrati 34 port call minn vapuri tal-cruiseline fil-Port il-Kbir. Dawn il-vapuri wasslu f’pajjiżna ’l fuq minn 85,000 passiġġier. “Dan l-ammont ta’ passiġġieri fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Marzu huwa wieħed bla preċedent,” stqarr il-Ministru għat-Turiżmu hekk kif laqa’ b’ħafna sodifazzjoni l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-figuri. Il-Ministru spjega li wara li s-sena l-oħra għalaqna b’figuri rekord fl-ammont ta’ passiġġieri li waslu f’pajjiżna permezz tal-cruiseliners, kollox qed juri li se jerġa’ jkollna sena eċċezzjonali għal dan is-settur tal-cruiselining. 
 
Fl-ewwel kwart tas-sena l-oħra wkoll kienet reġistrata żieda qawwija fuq l-istess perjodu tal-2015, hekk kif kien hemm tkabbir ta’ 91% fl-ammont tal-passiġġieri. Madanakollu, din is-sena t-tkabbir kien ferm ikbar. In-numru ta’ port calls irdoppja filwaqt li n-numru ta’ passiġġiera aktar milli rdoppja. “Dan se jkun ta’ xprun sabiex il-mira li nilħqu l-ammont rekord ta’ 700,000 passiġġier salaħħar ta’ din is-sena tintlaħaq,” afferma l-Ministru Zammit Lewis.  
 
Is-sena l-oħra ġie mħabbar li mill-2017 kellhom jerġgħu jibdew l-operat tagħhom cruiseliners millkumpanija NCL Norwegian Cruiselining fil-port tagħna. “Din il-kumpanija bdiet topera minn Jannar li għadda u hu stmat li l-cruiseliners ta’ din il-kumpanija se jagħmlu 20 port call u jwasslu lejn Malta mal-45,000 passiġġier din is-sena,’’ qal il-Ministru għat-Turiżmu. 
 
Minn dan ix-xahar t’April se nibdew nilqgħu għall-ewwel darba l-P&O Oceana kif kien imħabbar f’Ottubru tas-sena l-oħra. Dan il-cruiseliner ħa jopera minn pajjiżna permezz ta’ homeporting, jiġifieri l-cruise jibda u jispiċċa fil-port Malti. Dan il-cruiseliner mistenni jġib lejn il-port tagħna mal-100,000 passiġġier fuq fly & cruise programme. ‘”Nesiġi fuq l-importanza li nkomplu nattiraw aktar homeporting f’pajjiżna hekk kif dan jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni t’eċċellenza fit-turiżmu maħluq mill-cruiselining,” qal il-Ministru Zammit Lewis.  
Il-Ministru Zammit Lewis sostna li r-riżultati li qed jinkisbu f’dan is-settur jirriflettu l-ħeġġa kkordinata u kkolaborata mill-istakeholders kollha, partikolarment il-Valletta Cruise Port. “Dan hu suq mill-aktar kompettittiv,” stqarr il-Ministru. “Madanakollu jien kommess li nara li jkomplu jissaħħu l-isforzi kollha sabiex pajjiżna jibqa’ jagħmel suċċess f’dan is-settur tal-cruiselining billi nissoktaw niżviluppaw il-prodott tagħna u nippromwovu l-popolarità u l-attrazzjoni ta’ Malta u Għawdex bħala destinazzjoni ewlenija tal-cruises fiċ-ċentru tal-Mediterran.” 
 
“Għaldaqstant inħares ’il quddiem b’entużjażmu lejn il-kumplament ta’ din is-sena fejn huwa antiċipat li jintlaħaq rekord assolut fin-numru ta’ passiġġieri li mistennija jaslu f’pajjiżna sal-aħħar tal-2017. Tul din il-leġiżlatura rreġistrajna sena rekord wara l-oħra f’dan is-settur tal-cruiselining u li dawn l-aħħar snin kienu fost l-aqwa li qatt ġew reġistrati għal din l-industrija tal-cruises,” ikkonkluda l-Ministru.
 
Is-Sur Paul Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qal li: “Nilqgħu dawn irriżultati pożittivi b’sodisfazzjon, m’aħniex se nieqfu u ngħidu li għamilna biżżejjed. Għallkuntrarju, dawn ir-riżultati u  t-trends pożittivi jimluna b’kuraġġ u entużjażmu biex naħdmu għal aktar suċċessi. Flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u d-diversi entitajiet u kumpaniji involuti flindustrija qed inkomplu naħdmu id f’id biex nattiraw aktar kumpaniji lejn pajjiżna u ntejbu dejjem aktar l-esperjenza għall-viżitaturi. F’dan il-kuntest, it-twaqqif tal-'Malta Cruise Forum’ ġab ilpartijiet kollha interessati flimkien b’mod aktar organizzat u diġà qed iħalli l-frott mixtieq.”
 
“Valletta Cruise Port tkompli tistinka biex tagħti l-aqwa esperjenza lil kull wieħed mill-passiġġieri tagħha, kemm fil-port majestuż tagħha u kif ukoll f’pajjiżna. F’Marzu li għadda l-Valletta Cruise Port, għat-tieni sena konsekuttiva, ġiet mogħtija l-Premju tal-Aqwa Operatur ta’ Terminals minn Cruise Insight. Dan il-premju huwa f’gieħ is-servizz eċċellenti mogħti mill-port u l-iżvilupp kontinwu fil-faċilitajiet u s-servizzi tagħha f’dawn l-aħħar snin. Huma ġranet impenjattivi ħafna, però b’ħidma sfiqa nkomplu nagħtu l-esperjenza memorabbli li pajjiżna hu magħruf għaliha,” saħaq is-Sur Joseph Zammit Tabona, Chairman ta’ Valletta Cruise Port. 
 
< Previous Next >


< Back to Overview